Għaqda Filantropika Talent Mosti

Il-Funzjoni tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti illum...

Ġabra ta’ ħsibijiet u esperjenzi

Il-ħidma tal-Għaqda hija ffukata b’mod partikulari biex tgħolli u twassal il-kultura Maltija lil dawk kollha li jattendu għall-attivitajiet li hi torganiżża minn xahar għall-ieħor.  Fosthom insibu l-arti, il-mużika, l-għana, il-letteratura flimkien mal-folklor.  Is-sabiħ ta’ dan kollu huwa li minbarra li l-pubbliku jkun jista’ japprezza l-prodott artistiku u hekk isir aktar midħla tal-kulturi, in-nies li jattendu jkollhom iċ-ċans ukoll li jiltaqgħu u jkellmu lill-artist jew il-kittieb innifsu.  Għal dan il-għan, matul l-aħħar ħames snin, bosta esponenti ġew mistiedna biex iperrċu t-talent tagħhom.  Din l-Għaqda, b’sodisfazzjon tagħti spazju wkoll għall-artisti ġodda u b’hekk, ir-Razzett tal-Markiż qed ikun il-vetrina tagħhom.  Ma’ din it-tiżwieqa, jitħalltu dawk l-artisti li ġejjin min art barranija jew li jinsabu residenti f’pajjiżna. Talent Mosti jemmen li l-arti m’għandhiex fruntieri u taf tkun l-ispunt li toffri oażi ta’ sliem anke f’dawk l-imkejjen mifnija bit-terrur tal-gwerer u l-konflitti politiċi.

Il-Post ta’ kulħadd

Ta’ kull sena, l-Għaqda jkollha kalendarju ta’ attivitajiet imħejji bil-quddiem u fost l-oħrajn tieħu ħsieb b’mod dirett biex fi żminijiet partikulari bħall-Milied u l-Ġimgħa Mqaddsa ttella’ attivitajiet speċjali.  Matul dawn l-aħħar ħames snin, dawn l-impenji raw xi tibdil fil-qafas tagħhom u b’hekk ġew imġeddin biex jagħtu aktar frott.  Minn esebizzjonijiet li kienu jisponu t-talenti ta’ xi ftit individwi, ġew miftuħa biex kollettivament jagħtu firxa wiesgħa ta’ ideat u spazju.

Dan jgħodd kemm għal dawk il-wirjiet meqjusa bħala tradizzjonali u kif ukoll għas-Serata Mużiko Letterarja b’tema sagra.  B’hekk ir-Razzett tal-Markiż sar verament il-post ta’ kulħadd, fejn l-esperjenza tal-istabbiliti titħallat b’mod ħaj ma’ dik li għadha fl-ewwel passi tagħha.  Ir-riżultat li nkiseb minn dan huwa sodisfaċenti ħafna.

Ambjent San

Għal min attenda għal serati ta’ din ix-xorta jifhem u japprezza kemm dan li qed niktbu, mhux ftaħir fl-arja, imma sustanza li jista’ wieħed idomm meta jattendi għal dawn l-iljieli Kulturali.  Fis-soċjeta’ ta’ żminijietna ċċirkundata minn progress u informatika bla limiti, ftit li xejn insibu ċans għal ċerti ħwejjeġ minħabba l-ħajja mgħaġġla li ngħixu.  Bħal ngħidu aħna biex nitkellmu ma’ xulxin jew li naħdmu fuq bazi volontarja.  Fir-Razzett tal-Markiż, wieħed għandu jsib l-ambjent san li fih ikun  jista’ jitkellem u jiddiskuti ma’ oħrajn diversi temi li jkunu mqanqla f’xi wirja jew taħdita.  Iż-żjajjar mit-tfal u l-istudenti flimien ma’ dawk turistiċi, ikomplu jibnu l-istorja kontemporanja ta’ din il-binja rurali Maltija.

Funzjonijiet Diversi

Ir-Razzett ta-Markiż sa mit-twaqqif tiegħu bħala Ċentru Nazzjonali ta’ Kultura, ra diversi persuni distinti fih li ġew mistiedna għal xi attivita’ jew oħra.  Mill-Presidenti Emeritus ta’ Malta flimkien mal-Prim Ministru ghall-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.  Mill-Arċisqof sar-Rettur ta’ l-Universita’ u bosta oħrajn.  Dan mhux biss att ta’ aktar popolarita’ lil dan il-lok, iżda kien ta’sodisfazzjon qawwi u nkoraġġiment kbir ghall-organizzazzjoni li tara lil dawn  il-persuni distinti jirrikonoxxu l-attivitajiet u l-għanijiet tagħha.  Minn dan wieħed jintebaħ li l-Għaqda għandha funzjonijiet diversi u qed tipprova taqdi dmir siewi f’soċjeta’ konsumista li spiss tinsa x’qed jiġri madwarha.  

 Muntaġġ U Fotografija: Rita Demicoli

___________________________________________________________________

 

Innu – Talent Mosti

 

 

Iż-żifna tax-xitel fir-riħ Majistral

Din l-għanja tal-ġiżi fis-saltna tat-tfal.

Il-muża tal-vrieden li tgħajjex il-wied

Il-palm li jxejjirli jtaffi l-inkwiet.

 

Inferrħu u nifirħu b’dal-motto nehdew

Il-ġmiel qiegħed f’li tagħti u b’dak nistagħnew.

 

Chorus:      Talent, li jfissier li nafu nuruh

                   Talent li jwassal għax b’ħeġġa nwettquh.

                   Talent li naqsmu biex magħna tgawduh

                   Biex seħħet il-ħolma li nibtet fil-Mosta

                   Il-ferħ inkattruh għax f’ruħna miżrugħ.

 

Bħall-fjur f’nofs is-setaħ ġo qalbu l-għeruq

Li jaf qed jgħaddielek kif f’sidru magħluq,

Jirreċta u jpitter, il-bewsa tas-sliem.

Ikanta u jgħannili dwar l-hena bla tmiem.

 

Għotjiet ġenerużi lill-morda u t-tfal

Minn dejr il-Markiża u b’risq l-ideal.

 

Chorus:      Talent, li jfissier li nafu nuruħ

                   Talent li jwassal għax b’ħeġġa nwettquh.

                   Talent li naqsmu biex magħna tgawduh

                   Biex seħħet il-ħolma li nibtet fil-Mosta

                   Il-ferħ inkattruh għax f’ruħna miżrugħ.

 

Ħarsitna dħulija ... u kiebja żgur qatt

Inxerrdu t-tbissima ma mwarrbu lill-ħadd

Bħall-għabra tal-kwiekeb fuq wiċċ il-ħolqien.

Intaffu mid-dieqa... Infarrġu l-ħosbien.

 

Inferrħu u nifirħu b’dal-motto nehdew

Il-ġmiel qiegħed f’li tagħti u b’dak nistagħnew.

 

Kliem – Alfred C. Sant

Mużika – Ray Agius

Ikanta – Frans Baldacchino l-Budaj

 

Tistgħu tisimgħu l-Innu tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti

minn Frans Baldacchino l-Budaj fuq:

https://www.youtube.com/watch?v=ZNt1C35Of7s

____________________________________________________________________

Presidenti Onorarji Emeriti 2016-2017:

L-Eċċ Tiegħu Dr Ugo Mifsud Bonnici

L-Eċċ Tiegħu Dr Daniel Micallef

Dr. Louis Galea

L-Onor. Evarist Bartolo

Is-Sinjorina Doris Aquilina

Is-Sur Joe Camilleri

 

Membri Onorarji 2016-2017:

Is-Sur Edwin Vassallo

Is-sur Reuben Caruana

L-Onor. Dr. Anġlu Farrugia

Il-Perit lawrence Gatt

Dr Alexandra Camilleri Warne

Is-sur Ray Agius

Is-Sur Alfred C. Sant

Is-Sinjura Margaret Agius

Is-Sur Alfred Mallia

Is- Sur Noel Azzopardi

Is-Sur Ġorġ Peresso

Is-sur Nazzareno Vassallo

Is-Sur Charles Coleiro

Is-sur Noel Fabri

Is-sur Patrick Muscat

Is-Sinjura Theresa Gauci

Is-Sur Joe Gabriel Vella

Is-Sur Raymond G. Zammit

is-Sur Philip Borg

Is-Sinjura Sylvia Micallef

Il-Perit Chris Grech

Is-Sur Emanuel Camilleri

Is-sur Vince Farrugia

Is-sur George Galea

 

Direttur Spiritwali 2016-2017:

Rev. Arċipriet Dun Albert Buħagiar