Għaqda Filantropika Talent Mosti

TAGĦRIF DWAR IL-BIDU

TAL-GĦAQDA FILANTROPIKA TALENT MOSTI

A.D. 1983

“Għall-ġid u l-ferħ tal-proxxmu”

Mogħtija l-Onorifiċenza “Ġieħ il-Mosta” fis-sena 2001

NGO VO/0226

Ir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone

Ċentru ta’ kultura Nazzjonali

Triq Wied il-Għasel, il-Mosta MST 2142

Ikun miftuħ kuljum bejn il-5.30 pm u t-8.00 pm

Telephone: (+356) 21 420632

e-Mail: This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it." style="font-size: 10pt;">This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it." style="font-size: 10pt;">This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.

IMG 6417

Dehra tal-blata oriġinali hekk imsejjħa antifissa li kienet tagħmel parti mill-Kampnar tal-Knisja Rotunda tal-Mosta.  

Din inbidlet fl-1992, meta sar ix-xoghol ta' restawr.

Għall-ewwel snin, l-Għaqda kien jisimha “Grupp Talent Mosti” u kienet twaqqfet fi ħdan l-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesu tal-Mosta lejn tmiem is-sena 1983.  Permezz ta’ l-impenn soċjali tagħha, sa mill- bidunett kien il-ħsieb li torganiżża attivitajiet kulturali f’ambejnt lokali Mosti u li minnhom tgħin u tferraħ lill-proxxmu li jkun jeħtieġ appoġġ mill-Komunita’.

Matul is-snin 90 tas-seklu li għadda, l-Għaqda rnexxielha taħdem b’suċċess xejn inqas minn tmien “videos” bil-karattri tradizzjonali ta’ Wenzu u Rozi, il-praspar ta’ Ġaħan, kif ukoll oħrajn dwar il-Ġimgħa Mqaddsa u l-festa ta‘ Santa Marija tal-Mosta.  Iż-żewġ dokumentarji kellhom ukoll il-verżjoni bl-Ingliż.  Il-bejgħ u l-qliegħ kollu ta’ dawn il-produzzjoniejiet li jammonta ghal eluf ta’ Euros, mar għal skopijiet filantropiċi u għar-restawr tar-Rotunda tal-Mosta.

IMG 6452 

Dehra minn barra tar-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone. Fuq in-naħa tal-lemin tal-bieb ewlieni, jidher il-bust tal-Markiż innifsu li għex bejn 1894 u 1973. Fl-art quddiem il-bieb ewlieni hemm irħama bi skrizzjoni bil-latin li tgħid: "It-tama tgħajjex il-bidwi"

F’Awissu 1998, l-Għaqda ingħatat bħhala sede ir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fuq ir-riħ ta’ Wied il-Għasel fil-Mosta biex tużah għal għanijiet kulturali bi skop filantropiku, u dan bil-koperazzjoni tal-Kap u l-Kunsill ta’ l-iskola Sekondarja tal-Bniet fi ħdan il-Kulleġġ Maria Reġina, maġenb l-istess Razzett.  Dan ir-Razzett sar ġenna żgħira għal kull min iħobb jimraħ fid-drawwiet imgħoddija jew biex juri talenti artistiċi li għoġbu jislifhom Alla.  L-attivitajiet ivarjaw minn purament artistiċi għal oħrajn b’xejra letterarja għal oħrajn b’aspett reliġjuż jew folkloristiku.  Jiġu organiżżati wkoll wirjiet ta’ pittura, skultura u artiġġjanat, tal-Milied, il-Ġimgħa l-Kbira u l-kult Marjan, kif ukoll lejliet letterarji u b’tifkira lill-persuni għeżież, drama, kunċerti u diskussjoniet b’temi varji.

F’Novembru 1999 Talent Mosti fetaħ paġna ta’ koperazzjoni ma’ l-International Charity Society.  Din il-fondazzjoni taħdem biex mill-ġenerożita’ tal-Maltin tkun tista’ tgħin lil tfal orfni u familji sfortunati f’pajjiżi oħra fid-dinja.  Fost ħidma li twettqet, kien hemm il-ġbir ta’ kwantita’ kbira ta’ħwejjeġ u ġugarelli minngħand il-Maltin, li wara li tqiegħdu f’containers, twasslu lejn bliet Russi u dawk fir-Repubblika Ċeka.  Kienu mhux ftit dawk l-istituzzjonijiet impenjati f’risq min hu fil-bżonn li gawdew minn għajnuna finanzjarja li qassmet l-Għaqda.  Fost dawn insemmu l-Fond għall-Karita’ tal-Parroċċa tal-Mosta, id-Dar tal-Providenza, Caritas (Malta), Millenium Chapel, il-Hospice Movement u l-Malta Community Chest Fund.

F’temp ta’ ftit snin ir-Razzett tal-Markiż li jmur lura sas seklu sbatax, sar Ċentru Kulturali miftuħ beraħ għal livell nazzjonali u iktar.  Għax għalkemm l-għeruq tal-Għaqda kienu u għadhom Mostin, bl-użu tal-kwartieri tagħna, fetħet beraħ il-bibien għall-Maltin u l-Għawdxin u b’mod modest firxet ħidmietha ‘l barra minn xtutna.  B’hekk, fi ħdana jiltaqgħu u jitħalltu persuni ta’ kejl differenti fl-intellet u sengħa, imma li lkoll għanhom kontribut validu x’jikkontribwixxu b’risq l-arti, il-kultura u solidarjeta’ umana.

Għaldastant bir-raġun kollu, ir-Razzett tal-Markiż hu mgħruf f’dinjita’, bħala ċentru ta’ kultura Nazzjonali.  Dan joħroġ mill-fatt li fl-2009, talent Mosti ġie rikonoxxut bħala għaqda mhux governattiva (NGO) bin-numru tal-identifikazzjoni Vo/0226.  Ġie speċifikat bil-miktub, li l-għan ewlieni ta’ din l-assoċjazzjoni hu favur il-progress lejn il-kultura, l-arti u l-patrimonju Nazzjonali.

DSCF1219

Dehra tal-bieb ewlieni tar-Razzett

L-għan oriġinali filantropiku jibqa’ janima lill-Għaqda, biex taħdem u tirsisti ħalli tilqa’ kull aspett ta’ kultura minn kull qasam tal-ħajja.  Fis-sena 2001, ġiet mogħtija l-Onorifiċenza “Ġieħ il-Mosta” mill-Kunsill Lokali tal-Mosta.  Waqt li fis-sena 2000, kienet kisbet ċertifikat ta’ ħajr bħala rikonoxximent uffiċċjali mill-Gvern tar-Russja li rregala flimkien ma’ midalja speċjali “Għall-Ħniena u l-Karita’”.

IMG 6425

Dehra tas-setaħ bl-istatwa ta' San Franġisk ta' Assisi, il-protettur tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti